Thursday, June 10, 2010

Email lic Chairman tas-Social Affairs Committee

Ghaziez Edwin Vassallo,

Fil-kariga tieghek ta Chairman tas-Social Affairs Committee nixtieqek li tlaqqa lil dan il-Kumitat u jigi diskuss s-suggett relatat mal-Konsumatur u t-trasmissjonijiet tal-Football mill-Kumpaniji Go u Melita. Ser nelenka ftit l-hsibijiet tieghi hawn taht:

Ejja ħa nsegwu l-futboll!


‘Il-Maltin m’għandhomx iħallsu żewġ miżati biex jaraw il-futboll”

Mawra sa Triq il-Merkanti fil-Belt, fl-aħħar ġimgħat qabel it-Tazza tad-Dinja, tirrejalizza li l-futball huwa passjoni anke ghalina il-Maltin ukoll. Xjuħ u żgħazagħ, ommijiet, tfal, professjonisti, deputati parlamentari, nanniet u ħafna oħrajn tarahom jinġabru biex ipartu l-istickers tal-calciatori ħalli jaqgħdu l-album tat-Tazza tad-Dinja. Irridu nammettu li l-fervur ta’ dawn il-ġranet li jwasslu għal din il-kompetizzjoni tant jinfluwenzawna li anki dawk il-persuni li qatt ma jinteressahom il-futboll, żgur b’xi mod jew ieħor se jollhom isegwuh!

Fortunatament, għal dawk li jħobbu jsegwu l-partiti fuq it-televixin, l-istazzjon nazzjonali se jkun qed ixandar prattikament il-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja b’xejn.

Fi ftehim li sar mal-European Broadcasting Union, stazzjonijiet nazzjonali minn stati membri żgħar akkwistaw aċċess affordabbli għad-drittijiet tax-xandir tat-Tazza tad-Dinja. Dan ifisser record ta’ 46 logħoba minn 64 li se jintwerew fuq TVM b’xejn matul din il-Word Cup. Iktar minn hekk, PBS laħqu ftehim ma’ Melita biex din tal-aħħar tipprovdi t-Tazza tad-Dinja kemm bil-kwalità ta’ trasmissjoni standard, kif ukoll dik ta’ ‘high definition’, u fl-istess waqt xorta waħda jixxandru l-logħbiet ta’ TVM u RAI bħala stazzjonijiet ‘free-to-air’. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Maltin se jkunu qed isegwu id-doppju ta’ partiti b’xejn minn dak li ħa jaraw it-Taljani fuq ir-RAI.

Din hija l-ewwel darba fl-istorja tax-xandir, u nisperaw li ma tkunx l-aħħar.

Għaldaqstant, il-kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali issa ghandhu jmur oltre minn hekk.

Sur Vassallo, qed nitolbok biex flimkien maghna il-Membri Parlamentari nħarsu flimkien biex il-konsumatur ikollu aċċess ġust u affordabbli għall-partiti tas-Serie A, Premier League kif ukoll dawk taċ-Champions League u kampjonati internazzjonali oħrajn.

Biex nispjega aħjar irrid nghid li taħt is-sistema attwali, f’pajjiżna hawn żewġ kumpaniji li joffru dawn is-servizzi sportivi, il-Melita u l-GO. Is-sitwazzjoni f’Malta qeda b’tali mod li l-liġi tgħid li dawk il-logħbiet l-iktar importanti għandhom jixxandru fuq stazzjonijiet ‘free-to-air’. Il-kumplament huma suġġetti għal-kompetizzjoni fis-suq tagħna. Bħalissa, biex nsegwu l-logħbiet kollha, irridu jkollna żewġ subscriptions u żewġ decoders apposta, waħda tal-GO u l-oħra tal-MELITA. L-ispiża finali biex ikollok l-isport channels fuq iż-żewġ pjattaformi jitilgħu millinqas għall bejn Euro50 u Euro 60 kull xahar.

Il-proposta tiegħi hija sempliċi. Ejja nsegwu l-partiti tal-Futboll. Nimbuttaw għall-arranġamenti bejn iż-żewġ kumpaniji li joffru dan is-servizz sabiex jaqsmu id-drittijiet bejniethom jew jifthemu li jbiegħu id-drittijiet lil xulxin, dan sabiex fl-aħħar mill-aħħar ingawdu aħna l-konsumaturi.

Din diġà qed issir f’pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Fil-mument, kif qeda s-sistema, il-konsumtari qed jitilfu. Li nsegwu t-tim favorit tagħna qed issir spiża għolja ħafna biex insostnuha. Dan mhux biss imur kontra l-ispirtu sportiv fih innifsu iżda qed jikkalpesta d-drittijiet tal-konsumaturi. Il-konsumatur qed jitħalla mingħajr għażla. Ħallas liż-żewġ operaturi biex issegwi l-logħbiet kollha tal-leagues Ewropej jew inkella l-alternattiva hija li sseggwi ftit. Għalija dan huwa inaċċettabbli, speċjalment meta tikkonsidra id-diversi sorsi illegali li jistgħu jintużaw biex tara l-partiti, u li dawn qed iżidu fil-popolarita tagħhom minħabba din ‘il-gwerra’ bejn iż-żewġ operaturi.

Li qed nipproponi mhu xejn ta’ barra minn hawn, għaliex ħaġa simili diġa saret fir-Renju Unit. Ofcom, li hija r-regolatur uffiċjali tal-komunikazzjoni fir-Renju Unit, b’sitwazzjoni simili bħal dik ta’ Malta, saħqet li dawk li jerbħu d-drittijiet tax-xandir tal-partiti huma obbligati li jbiegħu dan is-servizz lill-kumpaniji oħrajn li jipprovdu dawn is-servizzi. Fi ftit kliem, dan jipprovdi lill-operaturi televiżivi oħrajn il-possibbilta li jxandru dawn il-kampjonati fuq il-pjattaforma tagħhom.

Din tiżgura li jkun hemm possibiltajiet għall-operaturi kollha biex jikkompetu fis-suq kemm fuq il-prezz kif ukoll fuq is-servizz mogħti lill-konsumaturi u mhux fuq dak li jixxandar fuq l-isport channels.

F’dan ix-xenarju il-konsumatur jiġi l-ewwel. Dawk il-Maltin li jħobbu jsegwu l-futboll m’għandhomx jiġu imġiegħla jħallsu żewġ kumpaniji differenti, iżda għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq fatturi oħrajn fosthom is-servizz u l-kwalità. Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jagħżel u ahna bħala rappreżentanti eletti mill-poplu għandna d-dmir li nħarsu dawn id-drittijiet.

Għal dan il-għan qed nitolbok biex fost persuni ohrajnt inti, bhala Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali, timbotta din il-materja fuq quddiem ta l-aġenda ta’ dan il-Kumitat. Nitolbok umilment ukoll li ssejjah quddiem dan il-kumitat biex jghatu l-versjoni tagghom lill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni, lill-Awtorita tax-Xandir, lill-Uffiċju tal-Affarijiet tal-Konsumatur u lill-PBS, Melita u GO. Ahna nisimgħu l-punti li jridu jqajmu li permezz tagħhom nibnu rapport dettaljat għall-Kamra fuq dan is-suġġett, bil-possibiltà li jagħti protezzjoni aħjar lid-drittijiet tal-konsumatur.

Qed nghaddilek ukoll xi materjal biex tkun tista tara x’qed jigri fl-ingilterra u ara ukoll dawn il-links dwar dan s-suggett:


http://news.bbc.co.uk/2/hi/8650684.stm

http://www.guardian.co.uk/media/2010/mar/31/ofcom-sky-sports-price-cut

http://www.telegraph.co.uk/finance/newsbysector/mediatechnologyandtelecoms/media/7542392/Ofcoms-BSkyB-ruling-may-be-more-favourable-than-feared.html

http://www.screendigest.com/news/ofcom-orders-bskyb-to-cut-wholesale-prices/view.html?start_ser=ti

http://www.mediaweek.co.uk/News/MostDiscussed/998739/Sky-begins-challenge-Ofcoms-pay-TV-ruling/

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=1&news=3282



Grazzi Hafna u nisma minn ghandhek,


Ghoddni tieghek,


David Agius MP
Whip tal-Gvern

2 comments:

  1. Congratulations dear David! Keep it up! you and all those who support you, including myself, will definitely win this campaign, against GO and MELITA CABLE. ''Is-sewwa jerbah zgur u dejjem!!''

    ReplyDelete
  2. Sur Agius... ma nafx jekk ghandux x'jaqsam imma jiena kelli melita u issa ghandi GO habba l-futboll. suporter tal-Juventus! dawn qaluli li ghandhom ic-channel tal-club li kellli mal-melita pero mhux veru li qed juruh. meta saqsejt qaluli li ic-channels huma tal-GO imma li mhux se juruhom. Tista tara wahda din? dawn x'kummiedji huma?

    ReplyDelete